Previous slide
Next slide

Ħal Kirkop huwa raħal żgħir li għandu ħafna x’joffri. F’Ħal Kirkop wieħed isib ‘Il-Menħir’, ġebla kbira li saret is-simbolu tar-raħal, il-katakombi Paleo-Kristjani, il-Knisja medjevali tal-Lunzjata, il-knisja parrokkjali ddedikata lil San Leonardu, żewġ każini tal-banda, il-Każin San Ġużepp u Każin San Leonardu u ċimiterju fejn wieħed isib ukoll il-kappella ddedikata lil San Nikola. 

Hemm ukoll salib immuntat fuq kolonna msemmi ‘is-Salib tad-Dejma’. Mifruxin mar-raħal kollu, wieħed isib bosta niċeċ li jixhdu d-dedikazzjoni tar-raħħala għar-Reliġjon. Ħal Kirkop kien jagħmel parti minn parroċċa akbar, dik ta’ Bir Miftuħ sa minn żminijiet medjevali, iżda fid-29 ta’ Mejju 1592 saret parroċċa fiha nnifisha. 

 

F’Ħal Kirkop issib ħafna niċeċ. Dawn huma l-aktar iddedikati lill-Qaddisin li huma relatati ma’ dan ir-raħal. F’madwar sagħtejn tista’ ddur ir-raħal u tara b’għajnejk is-sbuħija ta’ dawn in-niċeċ fost affarijiet oħra interessanti f’dan ir-raħal​