Skart Goff

Skart Goff

Is-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff offrut mill-Kunsilli Lokali huwa bla ħlas għad-djar kollha. Dan jinkludi oġġetti li huma kbar wisq għall-ġbir tal-iskart normali tad-dar. Biex teħles mill-iskart goff tiegħek, tista’ jew tikkuntattja lill-Kunsill Lokali tiegħek għal appuntament biex jinġabar dan l-iskart, jew inkella tieħdu f’wieħed mis-Siti għall-Iskart Goff tal-Wasteserv. Fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop dan is-servizz jingħata nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis. Biex wieħed jagħmel appuntament għandu jċempel fuq 21680099 jew 21683777 fil-ħinijiet tal-uffiċċju.

 

Skart Perikoluż

Ir-rimi ta’ skart perikoluż għandu jsir b’mod li huwa sikur għall-ambjent. Dan l-iskart għandu jintrema f’wieħed mis-Siti għall-Iskart Goff. Skart perikoluż jinkludi skart bħal:

  • Kimiċi (inklużi kontenituri vojta tal-kimiċi)
  • Żebgħa (inklużi kontenituri vojta taż-żebgħa)
  • Żjut lubrikanti
  • Solventi
  • Batteriji
  • Bozoz tad-dawl użati*
  • Tubi tan-neon*

* Jistgħu jintremew ukoll fir-Roadshow Trucks tal-WasteServ (inkluż batteriji tad-dar).

 

Mediċina

Tista’ tarmi l-mediċina qadima, użata, mhux mixtieqa u skaduta tiegħek fi spiżerija awtorizzata. Hawnhekk, tista’ tarmi pilloli u kapsuli sfużi jew ippakkjati, mediċini fil-fliexken, inhalers u tubi tal-krema mediċinali.

Qatt m’għandek tieħu oġġetti bijoperikolużi bħal siringi u apparat tal-EpiPen fi spiżerija. Dawn għandhom jintremew f’kontenituri speċjali għar-rimi ta’ oġġetti li jaqtgħu u jittieħdu f’wieħed mis-Siti ta’ Skart Goff tal-Wasteserv.

 

Rimi ta’ Skart Kummerċjali

Il-WasteServ tipprovdi s-servizzi meħtieġa lill-entitajiet kummerċjali biex jarmu l-iskart tagħhom b’mod sigur. Dan is-servizz jiġi offrut bi ħlas, fuq talba tal-istabbiliment.

 

Entitajiet kummerċjali għandhom isegwu proċeduri differenti għal rimi ta’ skart skont it-tip ta’ skart u l-kwantitajiet involuti. Għal din ir-raġuni, inti ġentilment mitlub timla l-formola onlajn dwar mistoqsija dwar l-iskart fuq il-websajt tal-Wasteserv jew tibgħat email fuq [email protected] jew iċċempel fuq il-freephone (8007 2200).

Għal aktar informazzjoni dwar is-separazzjoni tal-iskart, tista’ wkoll iżżur il-websajt tal-WasteServ billi tikklikkja HAWN jew tniżżel il-Gwida għas-Separazzjoni tal-Iskart HAWN.

Ċentri għall-Użu mill-Ġdid tal-Iskart tal-Wasteserv

Iċ-Ċentri tal-Użu mill-Ġdid tal-Iskart joffru oġġetti wżati u ‘maħbubin minn qabel’ li għad għandhom valur u jistgħu jingħataw ‘ħajja’ oħra.Dawn jinsabu fi ħdan is-Siti għall-Iskart Goff ta’ Ħal Luqa, Ħal Far, l-Imrieħel u Tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex. Dawn huma miftuħa mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi festi pubbliċi, bejn is-07:30 u s-17:30 (eskluż Jum il-Milied u Jum l-Ewwel tas-Sena).

L-aċċess għaċ- Ċentri tal-Użu mill-Ġdid tal-Iskart huwa possibbli bil-mixi. Hemm passaġġi li għandhom daħla separata minn dik tas-Sit għall-Iskart Goff biex iċ-Ċentri għall-Użu mill-Ġdid tal-Iskart ikunu sikuri u aċċessibbli għal prams, strollers u nies bi problemi ta’ mobilità, inklużi siġġijiet tar-roti.

 

Oġġetti li tista’ tagħti bħala donazzjoni jew takkwista fiċ-Ċentri għall-Użu mill-Ġdid tal-Iskart tal-WasteServ jinkludu:

 

  • Injam
  • Għamara loose
  • Kotba
  • Ċeramika
  • Viti
  • Tessuti
  • Ġugarelli
  • Strumenti Mużikali
  • Aċċessorji tad-dekorazzjoni tad-dar
  • Provvisti għall-annimali domestiċi
  • Mirja

Oġġetti bħal dawn li ġejjin mhumiex aċċettati:

 

  • Batteriji
  • Tajers tal-karozzi
  • Tagħmir tas-sigurtà
  • Tagħmir tat-trabi, inklużi car seats u prams
  • Ċilindri tal-gass
  • Tagħmir mediku
  • Skart ta’ tagħmir u partijiet elettriċi u elettroniċi
  • Slielem
  • Żebgħa, kimiċi, u skart perikoluż ieħor

Ħinijiet tal-ftuħ:

Mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi festi pubbliċi, bejn is-07:30 u s-17:30 (eskluż Jum il-Milied u Jum l-Ewwel tas-Sena).

Roadshow Trucks tal-Wasteserv

Ir-Roadshow Trucks tal-WasteServ iżuru l-lokalitajiet kollha mill-anqas darba fix-xahar biex jagħmluha aktar faċli għalik li tarmi l-iskart tiegħek b’attenzjoni, filwaqt li jipproteġu lilek u lill-ambjent f’dan il-proċess.

L-oġġetti li jinġabru minn dawk it-trakkijiet jinkludu:

  • Ħwejjeġ
  • Plastik
  • Metall
  • Żejt tat-tisjir
  • Bozoz tad-dawl u tubi tan-neon
  • Vażetti u fliexken tal-ħġieġ
  • Karta u kartun
  • Batteriji tad-dar
  • Basktijiet u żraben
  • Polystyrene
  • Borom u taġnijiet
  • Apparat elettroniku żgħir
  • Żebgħa u solventi
  • Sprejs tal-aerosol

Din l-inizjattiva tgħin ukoll biex titnaqqas il-kontaminazzjoni tal-iskart riċiklabbli, peress li r-Roadshow Trucks għandhom kompartimenti separati għal kull wieħed mill-flussi tal-iskart. Id-dati u l-postijiet eżatti taż-żjarat tat-trakkijiet jistgħu jiġu kkonfermati mill-Kunsill Lokali tiegħek jew billi żżur il-websajt tal-WasteServ.

Siti għall-Iskart Goff tal-Waste Serv

Is-Siti għall-Iskart Goff tal-Wasteserv huma faċilitajiet fejn il-pubbliku jista’ jġib u jarmi diversi tipi ta’ skart domestiku goff, skart domestiku perikoluż kif ukoll materjali riċiklabbli. Dawn is-siti jaċċettaw biss skart mid-djar.

Id-dħul f’Sit għall-Iskart Goff huwa permess biss b’vettura. Jiġu applikati livelli differenti ta’ aċċess skont il-kategorija tal-vettura tiegħek.

Għal aktar informazzjoni dwar oġġetti li jistgħu jiġu mormija f’dawn is-siti, żur il-websajt tal-WasteServ.

Ħinijiet tal-ftuħ:

Is-Siti għall-Iskart Goff huma miftuħa mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi festi pubbliċi, bejn is-07:30 u s-17:30 (eskluż Jum il-Milied u Jum l-Ewwel tas-Sena).