Skart Goff
Is-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff offrut mill-Kunsilli Lokali huwa bla ħlas għad-djar kollha. Dan jinkludi oġġetti li huma kbar wisq għall-ġbir tal-iskart normali tad-dar. Biex teħles mill-iskart goff tiegħek, tista’ jew tikkuntattja lill-Kunsill Lokali tiegħek għal appuntament biex jinġabar dan l-iskart, jew inkella tieħdu f’wieħed mis-Siti għall-Iskart Goff tal-Wasteserv. Fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop dan is-servizz jingħata nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis. Biex wieħed jagħmel appuntament għandu jċempel fuq 21680099 jew 21683777 fil-ħinijiet tal-uffiċċju.
Skart Perikoluż
Ir-rimi ta’ skart perikoluż għandu jsir b’mod li huwa sikur għall-ambjent. Dan l-iskart għandu jintrema f’wieħed mis-Siti għall-Iskart Goff. Skart perikoluż jinkludi skart bħal:
- Kimiċi (inklużi kontenituri vojta tal-kimiċi)
- Żebgħa (inklużi kontenituri vojta taż-żebgħa)
- Żjut lubrikanti
- Solventi
- Batteriji
- Bozoz tad-dawl użati*
- Tubi tan-neon*
* Jistgħu jintremew ukoll fir-Roadshow Trucks tal-WasteServ (inkluż batteriji tad-dar).
Mediċina
Tista’ tarmi l-mediċina qadima, użata, mhux mixtieqa u skaduta tiegħek fi spiżerija awtorizzata. Hawnhekk, tista’ tarmi pilloli u kapsuli sfużi jew ippakkjati, mediċini fil-fliexken, inhalers u tubi tal-krema mediċinali.
Qatt m’għandek tieħu oġġetti bijoperikolużi bħal siringi u apparat tal-EpiPen fi spiżerija. Dawn għandhom jintremew f’kontenituri speċjali għar-rimi ta’ oġġetti li jaqtgħu u jittieħdu f’wieħed mis-Siti ta’ Skart Goff tal-Wasteserv.
Rimi ta’ Skart Kummerċjali
Il-WasteServ tipprovdi s-servizzi meħtieġa lill-entitajiet kummerċjali biex jarmu l-iskart tagħhom b’mod sigur. Dan is-servizz jiġi offrut bi ħlas, fuq talba tal-istabbiliment.
Entitajiet kummerċjali għandhom isegwu proċeduri differenti għal rimi ta’ skart skont it-tip ta’ skart u l-kwantitajiet involuti. Għal din ir-raġuni, inti ġentilment mitlub timla l-formola onlajn dwar mistoqsija dwar l-iskart fuq il-websajt tal-Wasteserv jew tibgħat email fuq [email protected] jew iċċempel fuq il-freephone (8007 2200).
Għal aktar informazzjoni dwar is-separazzjoni tal-iskart, tista’ wkoll iżżur il-websajt tal-WasteServ billi tikklikkja HAWN jew tniżżel il-Gwida għas-Separazzjoni tal-Iskart HAWN.
Ċentri għall-Użu mill-Ġdid tal-Iskart tal-Wasteserv
Iċ-Ċentri tal-Użu mill-Ġdid tal-Iskart joffru oġġetti wżati u ‘maħbubin minn qabel’ li għad għandhom valur u jistgħu jingħataw ‘ħajja’ oħra.Dawn jinsabu fi ħdan is-Siti għall-Iskart Goff ta’ Ħal Luqa, Ħal Far, l-Imrieħel u Tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex. Dawn huma miftuħa mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi festi pubbliċi, bejn is-07:30 u s-17:30 (eskluż Jum il-Milied u Jum l-Ewwel tas-Sena).
L-aċċess għaċ- Ċentri tal-Użu mill-Ġdid tal-Iskart huwa possibbli bil-mixi. Hemm passaġġi li għandhom daħla separata minn dik tas-Sit għall-Iskart Goff biex iċ-Ċentri għall-Użu mill-Ġdid tal-Iskart ikunu sikuri u aċċessibbli għal prams, strollers u nies bi problemi ta’ mobilità, inklużi siġġijiet tar-roti.
Oġġetti li tista’ tagħti bħala donazzjoni jew takkwista fiċ-Ċentri għall-Użu mill-Ġdid tal-Iskart tal-WasteServ jinkludu:
- Injam
- Għamara loose
- Kotba
- Ċeramika
- Viti
- Tessuti
- Ġugarelli
- Strumenti Mużikali
- Aċċessorji tad-dekorazzjoni tad-dar
- Provvisti għall-annimali domestiċi
- Mirja
Oġġetti bħal dawn li ġejjin mhumiex aċċettati:
- Batteriji
- Tajers tal-karozzi
- Tagħmir tas-sigurtà
- Tagħmir tat-trabi, inklużi car seats u prams
- Ċilindri tal-gass
- Tagħmir mediku
- Skart ta’ tagħmir u partijiet elettriċi u elettroniċi
- Slielem
- Żebgħa, kimiċi, u skart perikoluż ieħor
Ħinijiet tal-ftuħ:
Mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi festi pubbliċi, bejn is-07:30 u s-17:30 (eskluż Jum il-Milied u Jum l-Ewwel tas-Sena).
Roadshow Trucks tal-Wasteserv
Ir-Roadshow Trucks tal-WasteServ iżuru l-lokalitajiet kollha mill-anqas darba fix-xahar biex jagħmluha aktar faċli għalik li tarmi l-iskart tiegħek b’attenzjoni, filwaqt li jipproteġu lilek u lill-ambjent f’dan il-proċess.
L-oġġetti li jinġabru minn dawk it-trakkijiet jinkludu:
- Ħwejjeġ
- Plastik
- Metall
- Żejt tat-tisjir
- Bozoz tad-dawl u tubi tan-neon
- Vażetti u fliexken tal-ħġieġ
- Karta u kartun
- Batteriji tad-dar
- Basktijiet u żraben
- Polystyrene
- Borom u taġnijiet
- Apparat elettroniku żgħir
- Żebgħa u solventi
- Sprejs tal-aerosol
Din l-inizjattiva tgħin ukoll biex titnaqqas il-kontaminazzjoni tal-iskart riċiklabbli, peress li r-Roadshow Trucks għandhom kompartimenti separati għal kull wieħed mill-flussi tal-iskart. Id-dati u l-postijiet eżatti taż-żjarat tat-trakkijiet jistgħu jiġu kkonfermati mill-Kunsill Lokali tiegħek jew billi żżur il-websajt tal-WasteServ.
Siti għall-Iskart Goff tal-Waste Serv
Is-Siti għall-Iskart Goff tal-Wasteserv huma faċilitajiet fejn il-pubbliku jista’ jġib u jarmi diversi tipi ta’ skart domestiku goff, skart domestiku perikoluż kif ukoll materjali riċiklabbli. Dawn is-siti jaċċettaw biss skart mid-djar.
Id-dħul f’Sit għall-Iskart Goff huwa permess biss b’vettura. Jiġu applikati livelli differenti ta’ aċċess skont il-kategorija tal-vettura tiegħek.
Għal aktar informazzjoni dwar oġġetti li jistgħu jiġu mormija f’dawn is-siti, żur il-websajt tal-WasteServ.
Ħinijiet tal-ftuħ:
Is-Siti għall-Iskart Goff huma miftuħa mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi festi pubbliċi, bejn is-07:30 u s-17:30 (eskluż Jum il-Milied u Jum l-Ewwel tas-Sena).
