Ġeografija u Storja

Ħal Kirkop huwa raħal żgħir qrib l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fit-triq lejn iż-Żurrieq. ĦalKirkop għandu popolazzjoni ta’ madwar 2500 resident li għandhom jikbru għal madwar 3500 sal-2010. Ħal Kirkop kien jagħmel parti minn parroċċa akbar minn żmien medjevali iżda saret parroċċa fiha nnifisha fid-29 ta’ Mejju 1592.​ 

Hal Kirkop huwa raħal żgħir ħafna, iżda b’ħafna x’joffri. Hawn isib ‘Il-Menħir’ ġebla kbira li saret is-simbolu tar-raħal, il-katakombi Paleo-Kristjani, il-Knisja medjevali tal-Lunzjata, il-knisja parrokkjali ddedikata lil San Leonardu, żewġ każini tal-banda, il-Każin San Ġużepp u Każin San Leonardu u ċimiterju fejn wieħed isib ukoll il-kappella ddedikata lil San Nikola. Hemm ukoll salib immuntat fuq kolonna msemmi ‘is-Salib tad-Dejma’. Mifruxin mar-raħal kollu, wieħed isib bosta niċeċ li jixhdu d-dedikazzjoni tar-raħħala għar-Reliġjon. Ħal Kirkop kien jagħmel parti minn parroċċa akbar, dik ta’ Bir Miftuħ sa minn żminijiet medjevali, iżda fid-29 ta’ Mejju 1592 saret parroċċa fiha nnifisha.